Sena wara l-attentat ta’ qtil, il-vittma baqa’ jsofri minn Post Traumatic Stress Disorder. Xehed dan il-psikjatra Joseph Spiteri, waqt it-tkomplija tal-ġuri dwar l-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia ta’ 43 sena li kien seħħ fil-31 ta’ Ottubru tal-2018 fl-inħawi ta’ San Ġakbu, f’Ħad-Dingli.
Dwar dan il-każ qed jiġi akkużat Joseph Scicluna minn Ħad-Dingli wkoll.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li quddiemha għaddej dan il-ġuri, semgħet matul is-seduta tat-Tlieta li l-vittma dak iż-żmien kien taħt mediċina psikjatrika.
Hawn xehdu numru ta’ esperti forensiċi fejn urew numru ta’ dokumenti u kampjuni tad-DNA tal-akkużat u anke tal-vittma minn fuq ħwejjiġhom, mill-vetturi u minn fuq ix-xena tar-reat.
L-esperti forensiċi stqarrew li ttieħdu aktar minn 150 ritratt ta’ dak kollu li ġie elevat fosthom tal-ħames skrataċ, li nstabu fis-senter tal-akkużat, kif ukoll dawk vojta li nstabu fuq il-post.
Fil-Qorti ntwera wkoll is-senter li, allegatament intuża fl-attentat tal-qtil. L-arma li ntużat kienet fost erba’ armi li għandu l-akkużat irreġistrati taħt ismu.
Fuq il-pedana tax-xhieda, it-tabib tal-familja miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, li eżamina lil Mark Farrugia ftit minuti wara l-każ, qal li l-vittma kellu qasma ta’ għaxar ċentimentri fuq moħħu, numru ta’ feriti tal-balal f’idu, f’sidru u f’żaqqu. Qal li dawn il-ġrieħi kienu ċċertifikati gravi, għax uħud minnhom kienu viċin organi vitali.
Sadanittant tabib tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei xehed li, minkejja li l-vittma kien stabbli u konxju, kien iċċertifikat fil-periklu tal-mewt minħabba ferita viċin qalbu.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi James Grech u Wayne Camilleri. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, waqt li l-Avukat Edward Gatt qed jidher bħala parte civile.