L-Eks Kap tas-Segretarjat ta’ Bernard Grech Ray Bezzina talab liċ-Chairman tal-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista biex jinvestiga l-allegazzjonijiet serji li għamel is-Sindku ta’ San Ġiljan u Kandidat Nazzjonalista Albert Buttigieg.
F’artiklu fil-gazzetta Times of Malta, il-Ġimgħa filgħodu, Buttigieg allega li sar jaf li, qabel l-elezzjoni li għaddiet, xi ħadd għoli ħafna fil-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma’ kuntrattur kbir b’interessi kummerċjali u fil-kostruzzjoni f’San Ġiljan u tah il-kelma li kien se jagħlaq ħalq Buttigieg, li min-naħa tiegħu kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.
F’dan l-aħħar żvilupp il-Ġimgħa filgħaxija, li jimmarka episodju ieħor ta’ ġlied u intriċċi fid-Dar Ċentrali, l-eks Chief of Staff tal-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino, spara kemm felaħ lejn l-allegazzjonijiet ta’ Albert Buttigieg.
Fost offarijiet oħra Ray Bezzina, evidentament imniggeż mill-artiklu ta’ Buttigieg, irrimarka li f’dan l-artiklu stess ma jissemmew l-ebda ismijiet. Madankollu, kien hawn li ta x’jifhem li l-allegazzjonijiet ta’ Buttigieg jirreferu għalih. Dan hekk kif bħalma qal Buttigieg, Ray Bezzina huwa ‘unelected official.’
Filwaqt li ċaħad dawn l-allegazzjonijiet serji ħafna, Ray Bezzina, konxju bil-vantaġġ li għandu grazzi għall-qrubija tiegħu mal-Kap Bernard Grech, tenna li għandu fiduċja li din l-investigazzjoni tista’ ssir permezz ta’ proċess serju.
Intant meta kkuntattjat mill-MaltaToday fuq l-istess materja, Ray Bezzina spara wkoll lejn l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi b’rabta mal-allegazzjonijiet li kien għamel fil-konfront tal-Kap Bernard Grech fuq is-suġġett tal-proklama tal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Bezzina tenna li Jason Azzopardi u oħrajn bħalu li ma ġewx eletti jridu jammettu li kellhom kampanja bażwija jew li l-votanti sempliċiment ma rieduhomx. Hawn Bezzina akkuża lil Jason Azzopardi b’gideb.
Mir-riżultat tal-elezzjoni lil hawn, il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista ma waqafx hekk kif komplew joħorġu fid-deher l-intriċċi li ħakmu lil dan l-istess partit li ftit tal-ġimgħat ilu kien qed jaspira li jkun Gvern alternattiv.
Fost oħrajn kien hemm il-każ tal-kandidata Nazzjonalista Doris Borg li rriżenjat minn Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fix-Xgħajra u se tibqa’ fil-Kunsill Lokali bħala Kunsilliera indipendenti. Hija sostniet li l-Partit Nazzjonalista għasarha u remiha. Ivan Bartolo ukoll sar Kunsillier indipendenti fil-Kunsill ta’ Raħal Ġdid wara l-aħħar Elezzjoni Ġenerali hekk kif spjega li l-partit li kien jimmilita fih m’għadux jagħrfu.
Bħal Borg u Bartolo kien hemm ukoll ir-riżenji ta’ Frank Psaila u martu Alessia Psaila Zammit.
Quddiem dan kollu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech naqas milli jerfa’ r-responsabbiltà filwaqt li pponta lejn kollox u kulħadd għal dak kollu li ġara u li qed ikompli jiġri fil-Partit Nazzjonalista. Il-Ġimgħa huwa tefa’ n-nomina għal kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista wara kampanja fejn fiha għamel minn kollox biex jiskoraġixxi kandidati oħtajn jitfgħu isimhom għall-ogħla kariga fil-PN.