Ix-xejra tat-tnaqqis fil-qgħad kompliet f’Novembru tas-sena li għaddiet. Ċifri ta’ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika pprovduti mill-aġenzija tax-xogħol Jobs Plus juru li l-ħdax-il xahar tas-sena ntemm b’1,808 persuni jirreġistraw għax-xogħol.
Dan jirrappreżenta 451 persuna anqas jew 19.5 fil-mija meta mqabbel ma’ Novembru tal-2017.
L-NSO qal li matul Novembru tas-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis ta’ 438 persuna minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru tal-qgħad u żieda ta’ tlettax-il persuna fuq it-tieni parti tar-reġistru.
Miċ-ċifri joħroġ li t-tnaqqis fil-qgħad kien fil-kategoriji kollha, għajr għal dawk li kellhom għoxrin sena jew anqas fejn il-persuni jirreġistraw għax-xogħol baqa’ ma nbidilx.
L-NSO żied jgħid li l-akbar tnaqqis kien fost dawk li ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sena.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-għadd ta’ persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol naqas b’59 meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet u issa hemm anqas minn 230 persuna b’diżabiltà jirreġistraw għax-xogħol.