L-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, indika li, bejn Lulju u Settembru tas-sena l-oħra, id-defiċit tal-Gvern kompla jonqos u l-istess ġara lid-dejn tal-Gvern bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali.
Waqt li madwar l-Unjoni Ewropea, bħala medja, kien hemm defiċit ta’ 2.8% tal-ġid nazzjonali, dak f’Malta kien 2.2% fit-tielet kwart tal-2023. Id-defiċit osservat f’pajjiżna hu ftit inqas min-nofs dak li kien sena qabel, u għat-tielet kwart konsekuttiv baqa’ taħt il-medja Ewropea.
Dan hu wkoll indikazzjoni tas-saħħa tal-ekonomija Maltija li, minkejja il-pakkett ġeneruż ta’ għajnuniet mill-Gvern biex jilqa’ għall-impatt taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali, id-defiċit xorta baqa’ jonqos b’mod qawwi.
L-akbar defiċit Ewropew ġie rreġistrat fis-Slovakkja b’7% jew aktar minn tliet darbiet dak ta’ Malta.
Taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, id-defiċit medju ta’ pajjiżna kien ta’ 3.2% jew punt perċentwali iżjed minn dak attwali.
Fl-istess kwart tal-2023, pajjiżna kellu tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali ftit akbar mit-tnaqqis medju Ewropew.
Filfatt, fit-tielet kwart tal-2023, pajjiżna kellu rata ta’ dejn ta’ 49.3%, is-seba’ l-inqas fiż-Żona Ewro. Dan meta fl-ewwel kwart tal-2013, jiġifieri qabel il-bidla fil-Gvern, dan il-piż kien ilaħħaq id-69.8% tal-ġid nazzjonali.
Il-figuri tal-Eurostat juru li pajjiżna ilu mit-tielet kwart tal-2015 ma jkollu piż tad-dejn nazzjonali fuq is-60% tal-ġid nazzjonali. Dan hu l-benchmark tat-Trattat ta’ Maastricht fejn tidħol is-sostenibbiltà tad-dejn nazzjonali.
L-ogħla dejn attwali fiż-Żona Ewro hu dak tal-Ġreċja, b’166%, waqt li l-medja hi 90%. B’hekk pajjiżna għandu rata ta’ dejn nazzjonali fost l-aktar baxxi fl-istorja.
Grazzi għal dawn ir-riżultati, il-Gvern jista’ jkompli jadotta politika ta’ investiment ekonomiku u soċjali, fejn jiġġieled l-effetti tal-inflazzjoni waqt li jkompli jibnu Malta ta’ għada.