Ħames aġenti tas-servizzi sigrieta Franċiża li mietu abbord l-ajruplan Fairchild Metroliner f’Ottubru ta’ sentejn ilu, kienu jagħmlu parti minn tim ta’ sorveljanza bl-operazzjonijiet tagħha jitmexxew minn dar f’Ħal Balzan.
Żvelat dan il-gażżetta MaltaToday wara li informazzjoni ġdida kixfet kif b’kollox 9 aġenti tas-servizzi sigrieta Franċiżi kienu qed jużaw lil Malta bħala bażi sabiex jissorveljaw armi Franċiżi fi triqithom lejn il-Libja.
Speċifikament, kienu qed joqgħodu f’dar bl-isem RuthVille fi Triq il-Kannizzata f’Ħal Balzan, fejn kienu qed iħallsu kirja ta’ €20,000 fis-sena.
Sors qrib il-gazzetta MaltaToday qal li t-testimonjanza li ġabret il-Maġistrat Doreen Clarke kienet waħda simili għal dak ta’ film tal-ispiji.
Minn ġo d-dar f’Ħal Balzan, dawn l-aġenti kienu jirċievu filmati diretti ta’ sorveljanza mill-ajruplan Fairchild Metroliner sabiex jiġi evalwat u studjat bir-reqqa.
Is-sors kompla jgħid kif għal kuntrarju ta’ dak irrapurtat fejn kien intqal li l-ajruplan kien qed jissorvelja traffikar ta’ umani u droga, l-ajurplan kien qed jara li armi Franċiżi jmorru għand l-id it-tajba.
Madankollu dakinhar tal-inċident uffiċjali tal-Puliżija u esperti tal-Qorti qalu li ma sabu xejn fir-residenza li juri li kien hemm xi tip ta’ operazzjoni sigrieta.
Fil-fatt, ix-xena li sabu l-istess pulizija u ufficjali mill-Qorti, uriet li dawk responsabbli tal-operazzjoni telqu bil-ħeffa mid-dar f’Ħal Balzan.
Il-ġimgħa l-oħra investigazzjoni dwar il-kawża tal-inċident baqgħet ma’ stabbilitx mija fil-mija l-kawża tat-tiġrif tal-ajruplan.
Dan hekk kif ir-rapport ta’ 68 paġna, ppubblikat is-Sibt li għadda, ra kif malli l-ajruplan laħaq il-150 pied, bħal donnu tilef il-kontroll u dar fuq in-naħa tal-lemin tiegħu.
Hawnekk baqa’ tiela sa għoli ta’ 240 pied, u f’kemm trodd salib iġġarraf b’saħħa liema bħalha fit-triq maġenb tal-mitjar, biswit il-bażi tas-suldati f’Ħal-Safi.