L-iżbroff tal-vulkan Etna intensifika u qed jipproduċi ammont sostanzjali ta’ lava u irmied bil-konsegwenza li lbieraħ kienu affetwati diversi titjiriet minn u lejn Sqallija.
Sadanittant eluf ta’ viżitaturi minn madwar id-dinja, fi tmiem il-ġimgħa dehru jitilgħu qrib il-bokka tal-vulkan sabiex isegwu dan il-fenomenu.
Is-Sindku ta’ Adrano, wieħed mill-komunitajiet l-aktar qrib tal-iżbroff, ħareġ notifika li timpedixxi lin-nies milli jersqu qrib il-post minn fejn ħierġa l-lava dan hekk kif sal-15 ta’ Frar wieħed seta’ jitla’ ħdejn il-bokka peress li anke waqt l-iżbroff ikun hemm mogħdijiet siguri iżda bil-liġi tista’ biss taċċessahom permezz ta’ gwida kwalifikata.
Iżda sfortunatament mhux kulħadd isegwi dawn ir-regoli fejn ħafna drabi anke jipparkjaw il-vetturi tagħhom fi trejqat dojoq li potenzjalment jistgħu jimblukkaw vetturi ta’ emerġenza.
L-Etna fi Sqallija huwa l-aktar vulkan attiv fl-Ewropa bl-aħħar żbroff jibda fil-11 ta’ Frar hekk kif fl-arja ttajjar irmied u lava li kienu viżibbli minn mili ’l bogħod.
Dan l-aħħar żbroff qed iseħħ minn bokka fix-Xlokk imsejħa ‘Bocca Nuova’.
Matul tmiem il-ġimgħa, l-ajruport ta’ Catania ddevja għexieren ta’ titjiriet minħabba l-irmied intens fl-arja kawża ta’ dan l-iżbroff.