Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia għamel żjara fiċ-Ċentru LEAP! tal-Mosta fejn is-Sibt filgħodu kien għaddej it-tqassim tal-ikel ffinanzjat mill-istat għal dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-Ministru Farrugia qal illi wara li s-sena l-oħra beda jitqassam l-ikel kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-qagħda finanzjarja eċċellenti tal-pajjiż ippermettiet li titnieda skema oħra ffinanzjata mill-istat.
“Illum hawn ġewwa l-Mosta qegħdin nagħmlu tqassim ta’ dan l-ikel lill-705 familja li jagħmlu parti minn madwar 25,000 familja li ser ikunu bbenefikaw minn dan it-tqassim minn madwar Malta kollha. Dawn ifissru 40,000 persuna vulnerabbli li ser jirċievu għotja ta’ ikel mingħand il-Gvern,” qal il-Ministru Farrugia.
Dr Farrugia fisser kif dan it-tqassim qiegħed iservi wkoll sabiex numru ta’ mentors imħarrġa jżuru lill-benefiċjarji sabiex flimkien jaraw fejn jistgħu jgħinu u b’hekk il-familja tqum fuq saqajha u timxi ’l quddiem.
“Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-impjegati tal-LEAP! flimkien ma’ numru ta’ studenti tal-MCAST u l-Università li ħadmu qatiegħ sabiex qed jitqassmu dawn il-pakketti minn madwar 30 ċentru f’Malta u Għawdex,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Hu ppjanat li din is-sena barra it-tqassim tal-FEAD li sar matul ix-xahar li għadda, u ta’ din l-iskema nazzjonali li qed titqassam bħalissa, ser isir tqassim fi drabi oħra; fl-aħħar ta’ Ġunju u f’Novembru tal-FEAD u f’Settembru u f’Ottubru tqassim ieħor mill-iskema nazzjonali. B’hekk għal din is-sena se jkunu tqassmu ’l fuq minn 53,000 kaxxa tal-ikel lil dawk fil-bżonn.
Ġie mwaqqaf call centre għal perjodu tat-tqassim sabiex tingħata assistenza, sew qabel, waqt u wara tqassim. Infetħu erba’ linji u qed jitħarrġu persuni sabiex jassistu f’kull neċessità permezz tat-telephone:22588924 jew 22588929 jew 22588964 jew 79013090.