It-Tlieta filgħodu tkompla l-każ ta’ Jomic Calleja ta’ 34 sena li qed jiġi akkużat li allegatament xtara u prova jdaħħal splussiv f’Malta.
Allegatament Jomic Calleja prova jixtri l-velenu, materjal radjoattiv kif ukoll splussiv tat-tip C-4.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, espert tal-Qorti ħa testijiet tal-kaligrafija ta’ Calleja u l-missier bioloġiku tiegħu.
Il-ġimgħa li għaddiet Carmel Grech, il-missier bioloġiku ta’ Jomic Calleja xehed li hu qatt ma ffirma kuntratt biex jikri showroom f’Ħal Qormi.
Minkejja li l-kuntratt juri firma u numru tal-karta tal-identità ta’ Carmel Grech, huwa baqa’ jinsisti li qatt ma ffirma l-kuntratt.
F’xhieda f’seduta preċedenti, is-sidien tax-showroom kienu qalu li kien Jomic Calleja li ffirma l-kuntratt.
Għaldaqstant, il-Qorti ħatret lill-espert Joseph Mallia sabiex jeżamina l-kaligrafija tal-kitba.
F’awla erbatax, Calleja deher jiffirma u jikteb fuq karta, u warajh l-istess għamel missieru.
Bl-espert se jistabillixi ta’ min hi l-firma fuq il-kuntratt tal-kiri tax-showroom f’Ħal Qormi.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit.