Tabib li assista lill-kirurgu li opera fuq in-negozjant Hugo Chetcuti qal fil-Qorti kif jiftakar ammont kbir ta’ demm waqt li t-tobba bdew jippruvaw jistabilizzaw lill-pazjent.
Hekk kif kompla s-smigħ tal-każ kontra s-Serb Bojan Cmelik, ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti, il-Qorti semgħet kif Chetcuti dakinhar li seħħ il-każ ttieħed l-isptar Mater Dei wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija f’Paceville. Hu minnufih beda jiġi operat fejn tabib li kien għadu qed jistudja, Jeremy Fenech, tqabbad biex jgħin waqt l-operazzjoni mal-kirurgu Ayman Mostafa.
Dr. Fenech xehed fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse Ann Farrugia fejn spjega l-proċeduri medikali li għamel Mr Mostafa waqt l-operazzjoni. Spjega kif huma ċċekkjaw aktar minn darba sabiex jassiguraw li ma kienx hemm aktar ħsara fl-intern.
Tabib ieħor li għadu qed jitħarreġ, Stefan Zammit, ikkonferma dan. Għalkemm it-tnejn li huma xehdu u qablu l-ebda minnhom ma seta’ jiftakar min kien li daħħal il-pajpijiet li jintużaw biex jitneħħa l-ilma li kellu f’ġismu l-pazjent.
It-tielet xhud, il-patologu konsulent Darko Babic, fejn spjega kif hu ngħata żewġ kampjuni mill-intestini wara l-operazzjoni. Dr Babic innota kif l-intestina l-kbira kellha toqba kbirakif ukoll kien hemm evidenza ta’ emorraġija iżda li l-intestina ż-żgħira ma kien hemm xejn speċjali.
Meta mistoqsi x’seta’ kkawża l-emorroġija, Dr. Babic qal li ma jafx u li ma jkunx sew li jispekola.
Il-każ mistenni jkompli fit-23 ta’ Jannar.