Il-Qorti Ingliża semgħat kif l-infermiera Lucy Letby ppruvat toqtol tarbija tliet darbiet qabel ma qatlitha r-raba’ darba li provat. Wara li qatlitha, bagħtet lill-ġenituri tat-tarbija kartolina ta’ kondoljanzi.
F’interrogazzjoni mill-Pulizija, Letby ġiet mistoqsija dwar din il-kartolina, qalet li dan l-att ma kienx “normali” u li kienet l-unika darba li qatt bgħatet kartolina. Hija allegata li qatlet seba’ trabi prematuri u ppruvat toqtol 10 oħra.
Fil-Qorti ntqal li kienet qed titbissem wara l-mewt u baqgħet titkellem ma’ omm it-tifla dwar kemm it-tarbija, magħrufa biss bħala Child I, kienet ħadet gost tgawdi l-ewwel banju tagħha. Hija ammettiet ukoll li żammet ritratt tal-kartolina li bgħatet fuq il-mobile tagħha.
Il-kap tal-prosekuzzjoni qal li Child I kienet sejra tajjeb qabel ma spiċċat taħt l-osservazzjoni ta’ Lucy Letby. Iżda spiċċat bdiet tirremetti, issofri minn problemi tan-nifs u problemi oħra serji li wasslu biex tilfet ħajjitha. Il-qtil kien deskritt bħala ‘persistenti’ u ‘ikkalkulat’.
Letby, ta’ 32, qed tiċħad li qatlet seba’ trabi prematuri u li pprovat toqtol 10 oħra fuq 12-il xahar. L-imwiet seħħew fl-Isptar Countess of Chester bejn Ġunju 2015 u Ġunju 2016. Letby ġiet arrestata tliet snin wara l-mewt tal-ewwel vittma, imsejħa Baby A.
L-infermiera allegatament injettat lit-trabi bl-insulina jew bl-arja, u xi drabi użat ħalib ippumpjat biex toqtolhom – ħafna drabi waqt ix-xifts ta’ billejl. Huwa allegat ukoll li Letby fittxet il-familji tal-ġenituri tal-allegati vittmi tagħha fuq Facebook u l-midja soċjali.