Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar jiekol għand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, in-negozjant Yorgen Fenech, fir-razzett tiegħu Ħaż Zebbuġ.
Xehed dan il-middleman fil-qtil, Melvin Theuma, li ngħata l-maħfra presidenzjali bil-kundizzjoni li jgħid il-verita, hekk kif it-Tnejn filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront ta’ Yorgen Fenech.
Meta kien qed jiġi mistoqsi mill-avukat u d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi, Melvin Theuma xehed li darba Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia mar jiekol għandu.
“Mid-dehra Adrian Delia saqsa lil Yorgen Fenech jekk jistax imur ir-razzett libes shorts minflok suit” qal Theuma fuq il-pedana tax-xhieda. Melvin Theuma, taħt ġurament, qal li ma jafx jekk Fenech kienx qed jigdeb jew inkella biex jurih kemm għandu kuntatti.
Quddiem il-Maġsitrat Rachel Montebello, il-prosekuzzjoni mexxija mill-ispettur Keith Arnaud u l-ispettur Kurt Zahra, preżentat aktar recordings, li ttieħdu minn Theuma, f’konversazzjonijiet li kien ikollu ma’ Fenech wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia.
Wara li nstema ‘r-recording, l-ispettur Arnaud beda jsaqsi lil Theuma fuq il-konversazzjoni li kellu ma’ Yorgen Fenech.
Theuma qal lil Fenech “Int għandek minn fejn toħrog Yorg”, fl-isfond li Theuma argumenta li kien qed jaffaċċja lill-eżekutturi hekk kif skont Theuma lil Yorgen Fenech, l-allegat eżekutturi ma kinux jafu bih.
Theuma qal li Fenech, kienu qallu li l-mobile li sabu fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata kien ta’ Chris Cardona.
Irrakonta ukoll kif darba Yorgen Fenech qallu li l-aħwa Degiorgio meta lestew mill-Qorti u kienu fil-vann tal-ħabs bdew jgħidu biex issa jitfgħu kollox fuq Cardona. Bil-gwardjan tal-ħabs li kien magħhom fil-vann irrekordjhom.
Intant, taħt ġurament, Melvin Theuma rrakonta li darba kien ħdejn Yorgen Fenech u beda jsajjar l-cannelloni għal ħafna nies.
Telaq u ftit wara Fenech ċempillu biex iġiblu l-ħobż. X’ħin tah il-ħobż ra raġel iħares minn wara l-bieb u kien Silvio Valletta.
Tliet ijiem wara Fenech qal lil Theuma li Silvio Valletta qallu li Melvin Theuma mhux wiċċ ġdid għal pulizija.