Fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ fil-konfront ta’ Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat, it-tliet irġiel li qed ikunu akkużati bil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-espert maħtur mill-Qorti, Dr. Daniel Vella, spjega kif mar fuq il-post tad-delitt l-għada li seħħ bie jiddetermina l-fdalijiet tal-vettura. Minn hawnnhekk, inġabru mas-17-il kampjun biex jittieħdu għall-analiżi fid-Dipartiment tal-Kimika fl-Università.
Fir-rapport li kien ippreżentat lill-Qorti kien spjegat fost oħrajn kif instab ammont żgħir ta’ splussiv TNT f’ħofra fl-art fil-karozza stess. Kien spjegat li l-evidenza nġabret skont struttura minn esperti barranin, u Dr.Vella għen f’dan.
Fil-Qorti xehed ukoll inġinier mit-tim legali ta’ Vodafone, li spjega kif il-Pulizija għamlet tliet rikjesti għall-informazzjoni. Din ikollha rikordju tat-telefonati kollha, inkluż minn fejn saru.
Għas-seduta kien hemm preżenti delegazzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa immexxija minn Pieter Omtzigt.