Il-każ ta’ Carmelo Camilleri, li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia fl-1988, kompla jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Sant Cassia kien inqatel f’Castello Zammitello fejn kien jgħix fl-Imġarr.
Tul is-sessjoni tal-lum, kellha tixhed l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, sabiex tispjega għaliex l-Uffiċċju tagħha ħass l-importanza li jkompli l-ġuri minkejja li diversi psikjatri xehdu li Camilleri mhux f’kundizzjoni li jgħaddi ġuri minħabba kundizzjoni newrodiverġenti.
Madankollu, minħabba impenji barra mill-pajjiż, Buttigieg ma setatx tixhed fil-Qorti.
L-avukati tad-Difiża qalu li l-psikjatri kienu diġà nnutaw li dan ma setax iwieġeb għall-akkużi u lanqas jikkomunika magħhom.
L-Imħallef aġġorna għall-4 ta’ Lulju, għas-sottomissjonijiet, kif ukoll għal tweġiba dwar jekk il-ġuri hux se jkompli, u meta.