Kompla jinstema’ l-ġuri ta’ Libjan u Tuneżin li qed jiġu mixlija li 18-il sena ilu qatlu lil Sion Grech.
Il-vittma, mis-Siġġiewi, kellha 20 sena u nstabet mejta f’għalqa fil-Marsa fl-2005.
Quddiem il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, xehed eks uffiċjal tal-Pulizija li kien parti mill-investigazzjonijiet u hawnhekk ta dettalji dwar kif Grech kienet ġiet irrappurtata nieqsa.
Fost l-oħrajn huwa semma ix-xhieda li taw bosta nies li fil-jiem u lejl qabel il-qtil kienu raw jew tkellmu mal-vittma. Għal aktar minn darba ħareġ id-dettal kif wieħed mill-akkużati u Sion kienu ħbieb.
L-eks uffiċjal irrakkonta il-mument li nstabet mejta Sion, fejn ra l-kadavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Spjega kif dakhinar stess saret l-awtopsja li kkonfermat li huwa ta’ Grech u li wara bagħtu għal Ismael Habesh sabiex jinvestigawh dwar omiċidju.
Fil-Qorti ssemma wkoll l-akkżat l-ieħor bl-isem ta’ Jamal, li saret tfittxija fid-dar tiegħu.
Xhieda oħra kienet ta’ eks Spettur tal-Pulizija u eks Assistent Kummissarju. F’din ix-xhieda ssemma d-dettal ta’ kif Sion inqatlet b’sikkina. Intqal ukoll li dakhinar tar-qtil, kien hemm persuna li tagħmilha ta’ prostituta li rat lill-akkużati jwettqu r-reat, marret ma’ klijent u reġgħet irritornat fuq ix-xena tad-delitt.
Fl-awla, fit-tieni jum tal-ġuri, inqrat ix-xhieda li kienet tat omm Sion, Anna Grech u li llum hija mejta. It-traskrizzjoni ta’ din ix-xhieda kienet tgħid kif l-akkużat Habesh u Sion kienu jagħmluha dejjem flimkien u li kien hemm relazzjoni bejniethom.