Dak żvelat fl-aħħar ġimgħat minn ONE News, dwar il-pjan biex jitqaċċat is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino, ġie kkonfermat mis-sorsi tal-gazzetta tal-Partit Laburista, KullĦadd.
Il-pjan hu dan jinbidel wara l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Il-KullĦadd irrapportat li fil-Partit Nazzjonalista hemm ħsieb minn dawk magħrufin bħala l-‘Blue Heroes’ biex jidħol xi ħadd li hu aktar minn tagħhom.
Dawn għadhom ma qatgħux qalbhom mill-eks deputata Marthese Portelli, li llum tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ. L-eks Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, li qed jibqa’ jipprova jiġbed l-ispag, qed isostni u jħeġġeġ favur l-għażla ta’ Portelli, anke jekk il-kariga attwali tagħha ma tippermetilhiex dan.
Waqt li, bħas-soltu meta tinkiteb xi ħaġa dwaru, Piccinino ħareġ fuq il-midja soċjali jiċħad l-aħbar billi pprova jagħti l-impressjoni li mhux minnu u anke ttanta jirredikola dak żvelat, sorsi fid-Dar Ċentrali, li tkellmu mal-KullĦadd jafu li s-sitwazzjoni hi differenti.
Il-gazzetta qalet li x-xufier ta’ Bernard Grech hu qrib ħafna ta’ Portelli u, wara dak li ġie żvelat minn ONE News, l-ispekulazzjoni ma qatgħet xejn fid-Dar Ċentrali. Intqal ukoll li fl-aħħar jiem, saru laqgħat fis-Siġġiewi li setgħu kienu marbutin ma’ dan.
Deputati tal-establishment, bħal Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, ftit li xejn jirrikonoxxu l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, avolja għandu dik li hi meqjusa bħala t-tieni l-aktar kariga importanti fil-Partit.
Huma qed iwaħħlu fl-istess Piccinino għall-fatt li għadhom ma ġewx sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali r-rapporti awditjati tal-kontijiet finanzjarji u dawk tal-ġbir. Kwistjoni li issa hemm kawża legali dwarha, li nfetħet mill-kandidati tal-Partit Laburista Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà.
Il-Kap Nazzjonalista gideb sfaċċatament kull meta ġie mistoqsi dwar dan u dejjem qal li se jkun qed jippreżenta dawn id-dokumenti, waqt li ġab diversi skużi. Minkejja dan, kemm ilu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista mill-2020, għadu qatt m’għamel dan.