Dan huwa Mexter Spiteri ta’ 24 sena, li ftit ġranet ilu ħa sehem għall-ewwel darba barra minn xtutna f’turnew professjonali tal-boxing f’Alessandria, l-Italja. Beda dan l-isport fl-2016, tmien snin ilu.
Dione Galea, li jikkowċja lil Mexter Spiteri, qalilna aktar dwar il-mawra tat-tim tiegħu fl-Italja.
Dione stqarr ma’ One News li għalkemm sfortunatament Mexter Spiteri tilef il-ġlieda bid-deċiżjoni tal-ġurija, il-prospetti għalih huma tajbin.
Qal, “Il-ġlieda kienet tajba mmens. Tant kienet tajba li anki offrewlna kuntratti diġà għal Mexter Spiteri.”
Għand Dione Galea inzertajna lil Kamy Zammit, li hija omm, għaddejja bit-taħriġ tagħha. Għandha tifel ta’ ħames snin li wkoll qed jittrenja l-boksing. Illum il-ġurnata, fejn qabel ma tantx kont tara nies ta’ età żgħira jittrenjaw il-boxing, illum it-tfal żdiedu.
Dione Galea kkonferma dan magħna u spjegalna li llum l-interess fil-boksing f’Malta żdied sew. Huwa żied jgħidilna li dan il-fenomenu seħħ minħabba li hawn aktar federazzjonijiet tal-boksing, fosthom il-Malta Boxing Federation u anki l- Federazzjoni Taljana, li taħdem mill-qrib ma’ dik ta’ Malta. Qalilna wkoll li saħansitra anke n-nisa qed jikkompetu barra minn Malta.
Stqarr, “Hawn aktar interess, anki l-boksers nisa fil-kompetizzjonijiet.”
Dione Galea illum jgħix minn fuq l-isport tal-boksing. Jiftakar, fost l-oħrajn, l-ewwel ġlieda tiegħu, ta’ ħmistax-il sena, f’Awwissu tal-1992. Jibqa’ f’moħħu wkoll ir-rebħ tat-titlu fil-European Boxing Federation fl-2014 fi glidiet semiprofessjonali.