Malta kellha żieda fl-impjiegi b’6.5% fi Frar li għadda meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Dan skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn juru li kien hemm żieda wkoll fl-impjiegi part-time rreġistrati, b’żieda ta’ 2.8%.
Skont informazzjoni mogħtija minn Jobsplus, f’sena żdiedu l-ammont ta’ ħaddiema b’6% jiġifieri 201,992. Dan hu riżultat ta’ żieda ta’ kull sena ta’ persuni impjegati full-time u tnaqqis f’persuni qiegħda li huma rreġistrati.
L-akbar kontribut fiż-żieda ta’ impjiegi matul ix-xahar ta’ Frar kien fil-qasam amministrattiv u dak tad-divertiment, b’2,795 u 1,373 rispettivament. Dan meta hu kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Persuni rreġistrati li huma impjegati full-time fis-settur privat żdiedu għal 10,990 filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm żieda ta’ 1,289.
In-numru ta’ persuni rreġistrati li jaħdmu għal rashom fuq bażi full-time żdied b’829 meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet filwaqt li n-numru ta’ persuni rreġistrat bħala impjegati żdied b’11,450.
L-istess ċifri wrew kif kien hemm żieda fl-ammont ta’ rġiel b’impjieg full-time, b’5.4% filwaqt li ċ-ċifri wrew żieda ta’ 8.5% f’nisa b’impjieg full-time.