Il-Ħadd filgħodu, id-daqq tal-banda bl-għanja tal-Milied u l-Father Christmas idoqq il-qanpiena, iddominaw Triq il-Kbira fil-Ħamrun għall-isfilata bil-karrijiet tal-Karnival li kull ma jmur qed iżżid fil-popolarità.
Karru tal-Flinstones qisu bħal qed jilgħaq ix-xemx li għoġobha titbissem lil pajjiżna f’dar-raba’ jum ta’ Frar kiesaħ, filwaqt li l-vettura maħluqa għal dan iż-żmien itterraq b’mod primittiv imma tpassi wkoll.
L-iscouts tal-Ħamrun waslu ħsejjes ferrieħa lil dawk preżenti, bl-ismurfs u l-Puffi bil-bżieżaq tas-sapun.
Tislima wkoll lil Laurel and Hardy li min jaf kemm paxxew nies fi snin imgħoddija fuq it-televiżjoni, mingħajr ilwien, bl-iswed, abjad u ġriz, li bi tbissima isellmu lil kulħadd.
Tiddomina t-tifkira lil Pawlu Curmi, il-Pampalun, speċjalment fil-jiem tal-Karnival.
Ftit togħma minn Las Vegas ma naqsitx, kif ma naqasx is-sehem tat-tliet baned ewlenin tal-Ħamrun u dik tal-Għaqda Banda Żejtun, f’din l-għodwa li bil-marċi festivi tagħhom komplew joħolqu atmosfera mill-aqwa.
One News tkellem mas-sindku Christian Sammut dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Karnival tal-Ħamrun.
Stqarr, “Kuntent ħafna bil-parteċipazzjoni tan-nies. Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet, dawk kollha li ħadu sehem hawnhekk, kien hawn atmosfera sabiħa, it-temp ippermetta u nħeġġeġ lil kulħadd biex ikompli jħares ’il quddiem biex inkomplu nagħmlu dawn l-attivitajiet sabiex inkomplu inferrħu lin-nies li jogħġobhom jiġu l-Ħamrun.”