F’attività politika fil-Għarghur li fiha tkellmu l-iżjed kandidati prominenti mill-Blue Heroes tal-Partit Nazzjonalista reġa’ spikka d-diskors diviżiv u negattiv kontra l-Partit Laburista u niesu.
Ma’ kandidati bħal Jason Azzopardi u Ivan Bartolo ingħaqad ukoll il-Kap Nazzjonalista f’diskors ankrat fil-politika tal-aħna u huma.
BERNARD GRECH: “Araw dawn in-nies kif m’għandhomx idea jmexxu.”
IVAN BARTOLO: “Il-Labour għal gideb jieħu l-ewwel.”
JASON AZZOPARDI: “Inkreddibli, trid tkun il-Labour.”
GRAHAM BENCINI: “Kulħadd jaf xi jsarraf il-Partit Laburista.”
Beppe Fenech Adami wkoll rrijafferma li l-għadu tiegħu huwa l-Partit Laburista.
“Niġi quddiemkom hawnhekk bħala kandidat, li għandi avversarju politiku wieħed li huwa l-Partit Laburista. Jiena niġi hawn bħala politiku li għandi mħabba waħda, li huwa l-Partit Nazzjonalista.”
Fenech Adami ħa l-okkażjoni li jfakkar li huwa fdat minn Bernard Grech.
“Jiena Bernard Grech fdani bir-responsabilità biex inkun kelliem għal Pulizija, għas-suldati, għal dawk fil-Protezzjoni Ċivili, għal dawk li jaħdmu fil-ħabs.”
Kandidat ieħor Noel Muscat spiċċa jgħid li Gvern Laburista farrak is-sistema tas-saħħa.
Dan wara li fi żmien ta’ pandemija is-sistema tas-saħħa Maltija ġiet meqjusa bħala waħda ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.
“… Jekk tridux tippremjaw lill-Gvern Soċjalista talli kisser l-edukazzjoni, talli s-saħħa ma mmexxijiex ‘il quddiem.”
Tul l-attività politika bosta kandidati wkoll ħassew il-bżonn li jtennu għal darba darbtejn kemm il-Partit Nazzjonalista għandu nies bravi.
IVAN BARTOLO: “Kollha nies bravi.”
NOL MUSCAT: “Afdawna għax kapaċi, għandna kap ta’ partit bravu u kapaċi ħafna.”
Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Eve Borg Bonello wkoll stqarret li pajjiżna jixraqlu lil Bernard Grech Prim Ministru ta’ Gvern Nazzjonalista.
“Pajjiżna jixraqlu Gvern Nazzjonalist. Pajjżina jixraqlu lil Bernard Grech bħala l-Prim Ministru tagħna.”
Eżatt wara qaltilna li din ix-xewqa tagħha hija sabiex tkun tista’ tkompli tkabbar is-CV tagħha b’rebħ tal-Partit Nazzjonalista.
“Nispera li s-CV tiegħi tkompli tikber mar-rebħiet tal-Partit Nazzjonalista.”
Id-diskors b’ton arroganti baqa’ għaddej.
“Drittijiet li l-Partit Laburista qas biss jifhmu.”
Ma setax jonqos li l-Partit Nazzjonalista jkompli jtenni dwar il-passat.
JASON AZZOPARDI: “Fis-87 Partit Nazzjonalista, il-futur reġa’ beda.”
BERNARD GRECH: “Hemm għamilna meta konna fill-Gvern, qomna għall-okkażjoni, il-poplu Malti kollu qam għall-okkażjoni għax kien hemm par idejn sodi fit-tmun.”
Kandidat ieħor Nazzjonalista faħħar ukoll lil Lawrence Gonzi, li kien ħalla pajjiż fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
CHARLES SELVAĠĠI: “Lawrence Gonzi li minkejja bid-diffikultajiet kollha li kellna fl-2009 u 2010 irnexxielu b’wiċċu mill-quddiemu daħħalna fil-port, ngħidu ta’ l-inqas daqqiet ekonomiċi li kellu l-pajjiż u komplejna mexjin ’l quddiem.”