Wara ġlieda dwar il-condoms, il-Gran Mastru tal-Ordni ta Malta Matthew Festing kellu jirriżenja.
Il-kap tal-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann, Matthew Festing, li jiġi l-Gran Mastru tal-Ordni, kien oppona investigazzjoni tal-Vatikan, għax sostna li timmina s-sovrenità tal-Ordni. Qal li jinsab inkwetat immens fuq il-kunflitt mal-Vatikan, u li l-Kavallieri mhux se jikkoperaw fejn tidħol investigazzjoni fuq l-affarijiet interni tal-Ordni.
Dalgħodu madanakollu ħarġet l-aħbar li Festing, ta’ 67 sena, intalab jirriżenja mill-Papa, wara laqgħa bejniethom ilbeiraħ. Din it-tip ta’ riżenja fi ħdan l-ordni hija rari ħafna.
Il-każ idur madwar il-kanċillier tal-ordni, Albrecht Von Boeselager, li jinsab akkużat li qassam ħafna condoms f’Myanmar, permezz ta’ organizazzjoni li tagħmel il-karità u li hija taħt l-Ordni ta’ Malta. Dan meta l-Knisja Kattolika tipprojbixxi l-użu ta’ kontraċettivi.