Qatt kellek kurżita x’kienu jieklu l-Maltin ta’ 400 sena ilu? Mis-sena d-dieħla ser tkun tista’ taqta xewqtek hekk kif Heritage Malta ser tibda’ torganiżża ikla tradizzjonali għall-pubbliku Malti u Għawdxi b’ikel li kien jittiekel fis-sekli sittax u sbatax.
Fil-Palazz Verdala fil-Buskett sitt ijiem qabel l-Imnarja, il-Muzew Marittimu fi ħdan Heritage Malta ħejja l-ewwel ikla tradizzjonali ta’ dan it-tip bi tħejjija ghal din il-festa Nazzjonali.
Il-kuratur tal-Mużew Marittimu Liam Gauci spjega l-proċess ta’ riċerka biex jinstabu riċetti li jmorru lura mijiet ta’ snin. Riċetti bħal-għaġin tad-dumnikani, ġelat mill-larinġ tal-bakkaljaw u ġbejniet antiki.
“Tmur l-arkivji notarali, il-bibjoteka nazzjonali tmur anke barra minn Malta biex tfittex dawn ir-riċetti imma imbagħad toqgħod bilqiegħda u max-chef tipprova tagħmel l-esperimenti tiegħek.”
Gauci tkellem ukoll dwar id-deżerta partikolari li tħejjiet għal din l-ikla.
“Illum qed nitkellmu fuq ġelat eżempju tal-larinġ tal-bakkaljaw li aħna llum inqisuha bħala morra, bħala qarsa dik il-larinġa imma aħna rnexxielna nagħmlu l-ġelat minnha. Ġelat mir-riċetta li kienet issir hawn Malta fl-1746. Nafu min hu s-sinjur li kien jgħix hawn Malta Michele Mercieca.”
Malcolm Borg mill-għaqda Bdiewa Attivi tkellem dwar l-għażla ta’ prodotti agrikoli Maltin, hekk kif tenna li biex dan il-prodott ikun suċċess kellu jkun hemm kuntatt kontinwu mal-bdiewa, sajjieda u raħħala Maltin.
“Xi ħaġa differenti ħafna xi ħaġa ġdida ħafna kienet il-ġbejna tal-ħaxix ir-riħ li huwa tip ta’ ġobon li huwa wrapjat f’tip ta’ ħaxixa li nsibu fil-kampanja Maltija u bi proċess li kien riċerkat u huwa storikament preċiż irnexxielna nipproduċu din it-tip ta’ ġbejna li kummerċjalment ma hijiex available.”
Preżenti għal din l-ikla tradizzjonali kien hemm il-President ta’ Malta Dr. George Vella u s-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura Clint Camilleri, li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom ghal din l-inizjattiva u enfasizzaw l-importanza tal-agrikoltura Maltija, li ssawwar l-istorja tant rikka ta’ pajjiżna.