Għall-ħames sena konsekuttiva saret l-ikla tradizzjonali tal-Milied organizzata mill-Caritas fil-bini tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Din is-sena attendew ‘il fuq minn 600 persuna li nġabru bħala familja waħda minħabba li m’għandhomx qraba ma min jagħmlu l-ikla tradizzjonali, m’għandhomx biżżejjed mezzi sabiex jagħmluwha, jew m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Hawnhekk sibna disgħin voluntier f’ħidma li ma taqta’ xejn biex jospitaw lil dawn il-persuni bl-aħjar mod u jkollhom l-aħjar ġurnata possibli u jtaffu mit-tbatija li jkunu għaddejjin minnha.
Ħafna mill-voluntiera ħallew lill-qraba tagħhom, iżda bil-kontra għamlet Elvia Cini, li ħadet lil familja tagħha sabiex kollha jgħinu f’din il-kawża.
“Għaliha huwa ġest żgħir li nista’ nagħti lil Ġesu’, like fil-birthday tiegħu, bħala birthday present lil dawn in-nies kollha li għandhom bżonn, forsi għandhom bżonn ħafna affarijiet differenti. Pero’ l-fatt li nara d-daħka fuq wiċċhom għalija huwa sodisfazzjon kbir.”
Il-preparamenti għal din l-ikla jibdew minn ħafna xhur qabel il-Milied, kif spjega ma’ ONE News wieħed mill-organizatturi, Andre Bonello.
“Il-preparamenti jinvolvu matul is-sena kollha. Aħna nibdew nippreparaw xhur qabel biex b’hekk aħna nibdew nikkuntatjaw in-nies, nikkuntatjaw in-nies għall-ikel. Nibdew naraw il-preparamenti wkoll naraw in-nies kif għandhom jiġu hawnhekk. Kull ħaġa, kull siġġu, kull persuna nagħtuwha l-ħin tagħha, kull voluntier naraw kif naħdmu magħhom biex b’hekk dawn in-nies ikunu jistgħu jiġu l-ikla.”