Issa li fadal inqas minn xahar għall-Milied, il-Caritas Malta qed tagħmel minn kollox biex f’dan il-jum tal-ġabra u tal-familja, ħadd ma jħossu waħdu.
Kien seba’ snin ilu, fl-2015, meta l-Caritas ħasbet biex il-Milied ikun wieħed sabiħ għal dawk li għalihom dan il-jum is-soltu jfisser solitudni. Għal dan il-għan, il-Caritas Malta dak il-Milied ħejjiet ikla speċjali fil-Kurja tal-Arċisqof għal dawk li kienu se jqattgħuh waħidhom u li jinsabu fil-bżonn.
Din l-ikla din is-sena se terġa’ ssir. Barra din l-ikla, flimkien mal-parroċċi f’pajjiżna, il-Caritas Malta se tkun qed tqassam ukoll diversi rigali lil dawk li huma waħidhom.
Bħalissa għaddejja kampanja minn diversi personalitajiet, li jirrakkuntaw kif se jqattgħu Jum il-Milied filwaqt li jħeġġu lil poplu Malti sabiex jgħin lill-Caritas.
Intant, One News iltaqa ma’ Tessie Scicluna, xebba ta’ 84 sena, li m’għandhiex familja. M’għandhiex ma’ min titkellem jew min iċċemplilha. M’għandhiex ma’ min toħroġ. Tħossha waħidha. Fil-ġranet tal-Milied tħossha waħidha aktar milli fi ġranet oħrajn. Staqsejniha jekk taqlax rigali fil-Milied.
Qalet, “Le rigali ma naqlax. Imma jiena qisni naċċetta, imma mbagħad tgħid ġo qalbek, tgħid, “Imma jiena, kulħadd għandu hekk, u jiena m’għandix”.
Lil Tessie tlabniha tgħidilna xi tfisser għaliha l-ikla tal-Milied li jorganizzaw il-Caritas.
Qalet, “Għalhekk, jien nifraħ ħafna meta niġi għall-ikla ta’ min hu waħdu, għax hemmhekk jiena nieħu pjaċir ħafna għax il-helpers tgħidx kemm huma jaqduna, mill-imħabba kollha tagħhom, jiċċajtaw magħna, u ħelwin ħafna. Dak is-soft music, jien għalija qisni sifirt.’
Is-Sibt li ġej kulħadd huwa mistieden isegwi One biex jagħti l-għajnuna tiegħu fil-Maratona bit-tema ‘Biex Ħadd Ma Jħossu Waħdu’. L-għan hu li jinġabru flus biżżejjed biex ħadd ma qatta’ l-Milied jiekol waħdu.
Qalet, “L-isbaħ rigal tal-Christmas li joħduni hekk, l-isbaħ u l-unika.”