Mit-Tlieta, il-Malta Enterprise bdiet bil-ħidma sabiex tikkuntatja lin-negozji li huma eliġibbli sabiex jibbenefikaw minn rifużjoni ta’ 50% fuq il-kontijiet tad-dawl. Dan permezz ta’ skema mill-Gvern li ser tkun qed toffri iżjed assistenza lin-negozji f’dan iż-żmien fejn pandemija laqtet lid-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega kif in-negozji qed ikunu kkuntatjati permezz ta’ email.
Huwa spjega kif madwar 16,000 negozju qed ikunu mitluba japplikaw għal din l-iskema sabiex b’mod awtomatiku jirċievu rifużjoni sa massimu ta’ 50% fuq il-kont tad-dawl tax-xhur Lulju, Awissu u Settembru.
Is-Sur Farrugia spjega: “Il-Malta Enterprise tkun qed tara l-kont b’kollaborazzjoni ma’ ARMS fejn minn hemmhekk imbgħad aħna nkunu nafu bħala Malta Enterprise l-ammont ta’ kont li wasal għal dak in-negozju u nħallsu sa’ 50% ta’ dak in-negozju. Kollox awtomatizzat allura il-klijent, in-negozju, bis-sempliċi applikazzjoni li ser ikun qed jagħmel through din l-email ikun jista’ jibda jirċievi ir-rifużjoni fuq il-kont li ħallas għal dawn it-tliet xhur li ġew identifikati fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.”
Bl-iskema mħabbra bħala parti mill-pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika dawk in-negozji li jħaddmu bejn ħaddiem u disa’ ħaddiema u għandhom negozju wieħed se jingħataw għajnuna ta’ elf u ħames mitt ewro. Dawk li jħaddmu bejn għaxar u dsatax-il ħaddiem, b’żewġ arloġġi tal-kont tad-dawl se jingħataw għajnuna ta’ tliet elef ewro.
Dawk li jimpjegaw bejn għoxrin u disgħa u għoxrin ħaddiem, li għandhom tliet negozji se jingħataw sa għajnuna ta’ erbat elef u ħames mitt ewro. Dawk li jħaddmu bejn tletin u disgħa u tletin ħaddiem, li għandhom erba’ negozji se jingħataw għajnuna ta’ sitt elef ewro. Filwaqt li dawk li jħaddmu aktar minn erbgħin ħaddiem u għandhom ħames negozji se jingħataw sa għajnuna massima ta’ sebat elef u ħames mitt ewro.
Din is-sistema ser tkun qed topera b’sistema awtomatizzata b’mod simili ħafna bħal iskema tal-għajnuna tal-ħlas tal-pagi.