Ishaq Adam ta’ 18-il sena weħel sena u tmien xhur ħabs, filwaqt li Adam Ibrahim Asab ta’ 23 sena weħel sena u sitt xhur ħabs wara li serqu dgħajsa minn Birżebbuġa u ppruvaw jaħarbu biha lejn l-Italja.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lara Butters spjegat kif il-Ġimgħa fil-11:30 ta’ filgħodu ġiet infurmata mill-Forzi Armati ta’ Malta li tmien mili ‘l barra minn Malta hemm dgħajsa wieqfa. Hawnhekk sabu li din id-dgħajsa kienet ġiet rappurtata misruqa ftit qabel. L-Ispettur qalet li l-akkużati ppruvaw jaħarbu lejn l-Italja b’din id-dgħajsa, iżda d-dgħajsa waqfet f’nofs baħar minħabba li spiċċat bla petrol.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud qalet li ż-żewġ imputati ammettew mal-ewwel u kkoperaw mal-Pulizija. Ġie spjegat kif huma għandhom applikazzjoni ta’ ażil li jgħixu f’pajjiżna.
Barra l-akkuża li serqu din id-dgħajsa, Ishaq Adam kellu akkużi li ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni.
Iż-żewġ Sudaniżi wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.