Żejtuni ta’ 43 sena ntbagaħt sentejn u tmien xhur ħabs wara li nstab ħati li wettaq serqa ta’ ġiżirajjien minn fuq tmien nisa anzjani.
L-akkużat, Tony Zammit, seraq dawn il-ġiżirajjen f’Ottubru ta’ tliet snin ilu, u l-vittmi kellhom kollha bejn it-62 u l-84 sena.
Fil-Qorti nstema’ kif l-anzjani kienu kollha mixjin fit-triq meta nħatfulhom il-ġiżirajjen. Zammit kien ġie identifikat grazzi għall-filmati minn kameras tas-sigurtà kif ukoll minn informazzjoni li taw dwaru l-vittmi, anke dwar il-karozza li ntużat fir-reati.
Tony Zammit ġie ordnat ukoll iħallas €1,730 bejn seba’ mill-vittmi u €2,415 fi spejjeż tal-Qorti. Hu tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin minħabba l-vizzju tad-droga.