Jimmy Magro ġie kkundannat erba’ snin u tmin xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ akkużi relatati mal-korruzzjoni. Is-sentenza ngħatat l-Erbgħa filgħodu, iżda tħabbar li Magro mistenni jressaq appell permezz tal-avukati tiegħu.
L-akkużi kienu relatati ma’ każ li jmur lura għall-2014, meta l-eks Segretarju Ġenerali Laburista kien qed jokkupa l-kariga ta’ konsulent tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Hu kien akkużat li xxaħħam biex jgħin kuntrattur jirbaħ tender pubbliku ta’ €250,000 għall-provvista ta’ tagħmir fil-ġbir tal-iskart.
Jirriżulta li l-kuntrattur, Victor Bonello, irrifjuta li jħallas dak mitlub u spiċċa jagħmel diversi rapporti.
Il-każ eventwalment ġie investigat mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li, fl-2018, ikkonkludiet li kienet “moralment konvinta” li Magro talab il-flus, bil-każ jispiċċa quddiem il-Qorti.
Bonello xehed li ltaqa’ ma’ Magro f’kafetterija fejn dan qallu li seta’ jiggarantilhom il-kuntratt, iżda kellu bżonn dik li sejjaħ bħala “għajnuna” biex iħallas taxxi pendenti u vaganza. Hu talab somma ta’ “10,000”, iżda Bonello ma setax jiftakar jekk din kinitx f’Liri Maltin jew ewro.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti sabitu ħati lil hinn minn kull dubju li talab tixħim u għamel dikjarazzjonijiet foloz biex igawdi hu personalment, għalkemm ma nstabx ħati li rċieva xi flejjes, ladarba ma kien hemm l-ebda prova ta’ xi trasferiment.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ordnat ukoll l-interdizzjoni perpetwa ta’ Magro, jiġifieri ma jistax iżomm kariga pubblika jew impjieg mal-Gvern.
Il-Prosekussjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Rodney Borg, waqt li l-Avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri dehru għal Magro.