Emanuel Grech ta’ 32 sena mill-Fgura kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li kien involut f’aċċident tat-traffiku waqt li kien qed isuq xurban.
Huwa ammetta li fis-6 ta’ Ġunju 2015, għall-ħabta tad-8.45 p.m. f’Birżebbuġia, saq vettura bi traskuraġni u baqa’ dieħel f’karozza li hi proprjeta’ tal-Gvern.
Grech li huwa ukoll kaċċatur, ammetta li fil-ħin magħluq għall-kaċċa kellu arma u munizzjoni fil-karozza, li saq taħt l-effett tax-xorb , li naqas li jobdi lill-Pulizija kif ukoll li saq il-vettura mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan u polza tal-assikurazzjoni.
Fuq il-ħabta fil-karozza tal-Gvern huwa kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn, fuq is-sewqan minħajr liċenzja kien immultat €233 filwaqt li weħel ukoll tliet xhur sospiżi talli saq mingħajr polza tal-assikurazzjoni.
Grech kien ikkundannat ukoll €685 talli kellu senter waqt li l-kaċċa kienet magħluqa, €350 talli żamm munizzjoni f’post mhux sikur, €1,200 talli saq taħt l-effett tax-xorb u €58 talli naqas li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.
Il-Maġistrat Saviour Demicoli skwalifikah ukoll milli jkollu liċenja tas-sewqan għal sena.