Raġel ġie kkundannat 12-il sena ħabs wara li ammetta li, fl-2015, stupra lil ulied is-sieħba tiegħu, li kellhom 15 u tmin snin. Hu ġie mixli wkoll li stupra lil bintu, li kellha 13-il sena, imma din spiċċat tirtira l-każ kontrih.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga lir-raġel wara rapport f’għassa minn ħbieb ta’ bintu li din ġiet stuprata minn missierha. Wara assistenza minn socials workers, it-tifla kienet allegat li missierha stupraha darbtejn.
It-tifla qalet lill-Pulizija li kienet fuq is-sufan meta resaq lejha u beda jmissha u, għalkemm qaltlu biex jieqaf, ordnalha tagħlaq ħalqha u ma tgħajjatx waqt li kellu x’jaqsam magħha.
Żiedet li kien hemm episodju ieħor qabel fejn kienet fuq is-sufan tilgħab bit-tablet meta stupraha u, kawża ta’ din it-trawma, hi kienet marret f’kamartha u qatgħet il-polz bix-xafra.
Sadanittant il-bniet ta’ 15-il sena u ta’ tmin snin ukoll irrakkontaw mal-Pulizija kif ġew stuprati mis-sieħeb t’ommhom f’darhom, biż-żgħira tgħid li marret tistaħba taħt is-sodda, imma spiċċa jkaxkarha u jistupraha qabel intilfet minn sensiha.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, sabet lir-raġel ħati u kkundannatu sentenza effettiva ta’ 12-il sena ħabs, waqt li wkoll ordnatlu jħallas ftit aktar minn €1,000 fi spejjeż tal-Qorti.