Ahmed Ali Younes, ġuvni ta 27 sena minn Benghazi fil-Libya deher quddiem il-Qorti akkużat li kkorrompa tliet persuni taħt l-eta’ permezz ta’ mezzi teknoloġiċi.
Ali Younes deher quddiem il-Qorti akkużat li kkorrompa tliet żgħażagħ minuri li l-età tagħhom tvarja bejn tlettax u erbatax il-sena u li ħeġġighom f’ ċirkustanzi differenti biex jieħdu sehem f’ wirjiet pornografiċi u wiri ta’ organi sesswali fuq mezzi ta’ komunikazzjoni teknoloġiċi.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Dr. Joe Brincat fi stadju preliminari tas-smiegħ tal-kawża qalet fil-Qorti li mhux ser tkun qed titlob il-ħelsien mill-arrest għaliex tifhem il-gravita tal-każ u tara li jekk l-akkużat jinżamm taħt arrest, jista jkollu kura iżjed effettiva. Għaldaqstant id-difiża għamlet talba biex Ahmed jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament fis-Sezzjoni Forensika tal-Sptar Monti Karmeli.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur John Spiteri qablet ma’ dawn it-talbiet u saħqet li dan jista jkun l-ewwel pass biex l-akkużat jirriforma ruħu għall-ġid tiegħu u għall-ġid tas-soċjetá.
Wara li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli xtarret il-fatti kollha dwar il-każ u l-għodda li ttiha l-liġi f’każijiet bħall dawn, laqgħet it-talba li l-akkużat jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament psikjatriku u fuq qbil bejn il-partijiet kollha għamlet rakomandazzjoni biex ikun maħtur Dr. John Mifsud fil-kapaċita tiegħu bħala psikjatra b’snin twal ta’ esperjenza.
Għaldaqstant l-akkużat inżamm taħt arrest fis-Sezzjoni Forensika ta’ Monte Karmeli biex jibda jieħu t-trattament mediku neċessarju sakemm jkompli jinstema l-każ.