Fost il-Kummissarji Ewropej li ġew ikkonsultati biex iċedu parti mill-portafoll tagħhom għall-Kummissarju ġdid Ingliż kien hemm dak Malti, Karmenu Vella.
Fi kliem il-Politico, ġurnal influwenti bbażat fi Brussell, irrapporta li Martin Selmayr, iċ-chief of staff tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, avviċina minn tal-inqas tliet kummissarji biex jiddiskuti magħhom xi rwol għandu jingħata Julian King, nominat biex jirrappreżenta lir-Renju Unit f’din l-entità. Dawn jinkludu l-Pollakka Elizbieta Bienkowska – responsabbli mill-politika għas-suq komuni, l-industrija, l-imprenditorija, u l-intrapriżi żgħar u medji; Karmenu Vella – responsabbli mill-ambjent, l-affarijiet marittimi u s-sajd, u l-Ispanjol Miguel Arias Canete – responsabbli mill-klima u l-enerġija.
Id-deċiżjoni aħħarija dwar x’portafoll għandu jkun assenjat bih King hija ta’ Juncker, b’dan tal-aħħar mistenni jiddeċiedi sa tmiem din il-ġimgħa.
King, l-ambaxxatur tar-Renju Unit għal Franza, se jieħu post Jonathan Hill, li rriżenja mill-KE ftit wara li r-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Minnufih, ir-responsabiltajiet ta’ Hill – dak tas-servizzi finanzjarji, ġie mogħti lil ħaddieħor bin-nominat il-ġdid mistenni jingħata rwol ferm inqas influwenti.