Ġie kkonsagrat Isqof il-Patri Malti Sandro Overend, bħala l-Vigarju Appostoliku ta’ Benghazi u Cyrenaica fil-Libja, wara nomina mill-Papa Franġisku.
Patri Sandro kien diġà jservi fil-pajjiż ġar ta’ Malta, hekk kif f’digriet li ħareġ f’Diċembru tal-2019, il-Papa kien innominah bħala Amministratur Appostoliku tal-Vigarjat ta’ Benghazi.
Wara t-tħabbira mis-Santa Sede, segwita mill-ordinazzjoni episkopali, Patri Sandro se jkun qed jassumi r-rwol ta’ Isqof.
Dan mhux l-ewwel Isqof Malti li assuma din il-kariga, hekk kif bejn l-1997 u l-2016, l-istess Vigarjat Appostoliku tmexxa mill-Isqof Sylvester Magro, li miet f’Jannar tal-2018.
Bħalissa wkoll, l-Isqof Għawdxi George Bugeja hu l-Vigarju Appostoliku tal-kapitali Libjana, Tripli.
L-ordinazzjoni episkopali saret fil-Parroċċa Franġiskana Santwarju Marjan tal-Madonna tas-Sacro Cuor, f’Tas-Sliema.
Mons. Sandro twieled f’Tas-Sliema nhar il-31 ta’ Jannar tal-1959. Fis-26 ta’ Settembru tal-1976 hu ta bidu għan-novizzat u għamel il-professjoni temporanja fit-2 ta’ Ottubru ta’ sena wara. Hu għamel il-professjoni solenni fit-12 ta’ Settembru tal-1982 u ġie ordnat saċerdot sentejn wara nhar id-29 ta’ Ġunju.
Mons. Sandro kellu diversi ħidmiet fi ħdan l-Ordni u l-Provinċja, waqt li serva bħala Ministru Provinċjal, Segretarju Ġenerali tal-Ordni u Rettur tal-Università Antonianum ta’ Ruma.
Għal dawn l-aħħar snin, Mons. Sandro kien ukoll qed iservi fil-missjoni tal-Ordni f’Benghazi, il-Libja.