Lino Bugeja li għandu 52 sena u joqgħod il-Mosta ġie akkużat li bejn il-lejl tat-12 u t-13 ta’ Lulju kiser kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ martu li ġie fis-seħħ f’Mejju li għadda.
Jidher li fid-dar matrimonjali fejn toqgħod il-mara tal-imputat kien hemm raġel isewwi t-televiżjoni, meta t-tifel tal-koppja separata ċempel lill-missieru, l-akkużat, u qallu li kien hemm raġel fid-dar. L-akkużat pront mar quddiem id-dar matrimonjali fejn stenna lill-istess raġel barra u segwieh sakemm ikkonfrontah u kellmu.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh u l-avukat tad-difiża Joseph Calleja ikkontesta l-validità tal-arrest fuq nuqqas ta’ suspett raġjonevoli, hekk kif saħaq li ma kienx hemm provi biżżejjed li juru li l-imputat kiser l-ordni ta’ protezzjoni.
L-avukat Calleja talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi li l-mara tal-akkużat hija mbeżża’ tant li ppruvat twaqqa’ l-każ.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif it-tifel tal-koppja jgħix ma’ missieru. L-akkużat kien ordnat iħallas depożitu ta’ €500 o u garanzija personali ta’ €2,000. Dan apparti li jrid jiffirma l-Għassa tal-Mosta kull nhar ta’ Erbgħa.