Il-Pulizija ta’ Għawdex u uffiċjali mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi kkonfiskaw madwar tliet mitt għasfur tal-għana minn proprjetà f’Għawdex wara li dawn possibbilment iddaħħlu bil-kuntrabandu fil-pajjiż mill-Italja biex jintużaw bħala decoys għall-insib illegali tal-għasafar.
Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li wara li probabbilment inqabdu illegalment fl-Italja, dawn l-għasafar kienu destinati li jinbiegħu fost in-nassaba lokali u minn ħwienet tal-pets differenti.
L-għasafar ikkonfiskati jinkludu ħames speċi differenti: Apparell, Gardell, Verdun, Ġojjin u Sponsun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu frieħ, miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna u magħluqin f’gabjetti żgħar ħafna.