L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ikkonfermaw żewġ każijiet oħra li rriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus f’pajjiżna.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li ż-żewġ persuni infettati huma ta’ barranin u jgħixu Malta.
L-ewwel każ hu raġel ta’ disgħa u għoxrin sena li jaħdem u jgħix Malta. Qalet li l-għada li wasal Malta beda jħoss sintomi ta’ deni ħafif u ħassu għajjien.
Qal li r-raġel li jaħdem f’kumpanija privata mar darba x-xogħol waqt li kien bis-sintomi u għalhekk saru t-testijiet fuq il-kollegi sħabu.
Il-Prof. Charmaine Gauci sostniet: “Waqt il-flight, mill-informazzjoni li għandna, ma kellux sintomi jiġifieri r-riskju għan-nies li kienu fuq il-flight huwa baxx ħafna però aħna xorta ħa nikkomunikaw ma’ dawn in-nies ħalli ninfurmawhom li kien hemm każ ħalli jekk joħorġulhom is-sintomi, hemmhekk ikunu jafu u jgħidulna mill-ewwel.”
It-tieni każ pożittiv għall-Coronavirus il-Ħamis hi tfajla ta’ 26 sena li tgħix u taħdem Malta. Hija bdiet tħoss is-sintomi waqt li kienet Amesterdam. It-tfajla li wkoll taħdem f’kumpanija privata marret għax-xogħol għal madwar sagħtejn u għalhekk bdew ukoll it-testijiet fuq il-kollegti sħabha.
Il-Profs. Gauci sostniet: “Tgħix f’shared apartment, dawn ikollhom bedroom tagħhom u shared kitchen, f’dan l-appartament nafu li kien hemm tliet persuni oħrajn ta’ nazzjonalità barranija. Din qaltilna li ma kellha l-ebda kuntatt assolut magħhom.
Madanollu qalet li xorta qed issir assessjar tagħhom.
Dwar il-mara ta’ tlieta u ħamsin sena li rriżultat pożittiv l-Erbgħa filgħaxija, il-Professur Gauci qalet li din hija membru tal-familja li siefret mat-tabib Malti li mar għal btala fid-Dolomiti.
Qalet li każijiet ikkonfermati f’pajjiżna huma kollha impurtati u s’issa ma kienx hemm trażmissjonijiet lokali.
Biex sa issa, minn 415-il swab, 9 rriżultaw fil-pożittiv.
Dawn huma tliet membri f’familja Taljana, tnejn f’familja Norveġiża, tnejn f’familja Maltija, raġel barrani li jaħdem u jgħix Malta, u tfajla barranija li taħdem u tgħix Malta.
Dwar il-kwarantina mandatorja, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-pajjiżi fil-lista jibqgħu jiġu aġġornati skont l-iżviluppi.
Fakkret li hemm multa ta’ €1,000 għal min jikser il-kwarantina u din qed tiġi infurzata bl-għajnuna tal-ħaddiema tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Profs. Gauci kompliet tgħid: “Dan huwa importanti għaliex meta persuna tkun qed tikser il-kwarantina, ikun qed ipoġġi f’riskju lil nies li huma close tiegħu, dawk fuq il-post tax-xogħol imma anki l-komunità inġenerali.”
Dwar il-kapaċità ta’ sodod għall-iżolament, il-Professur Gauci qalet li hemm 18-il sodda fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, tnax-il sodda f’faċilità oħra, 60 fl-Isptar Boffa, u aktar f’każ ta’ bżonn permezz ta’ pjan ta’ kontinġenza.
Dwar rapporti li żewġ persuni kienu qed iħossuhom ma jifilħux fuq titjira tar-Ryan Air, il-Professur Gauci qalet li sarulhom it-testijiet meħtieġa u rriżultaw fin-negattiv.