Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph Micallef u Giovanni Grixti, ċaħdet l-appell tal-aħwa George u Alfred Degiorgio kontra s-sentenzi ta’ 40 sena ħabs kull wieħed b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet tal-aħwa ħatja li esegwew id-delitt fl-2017, li riedu li tiġi annullata s-sentenza fil-konfront tagħhom u li jiġi ordnat mill-ġdid is-smigħ tal-ġuri fil-konfront tagħhom.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien daħħal risposta biex it-talbiet jiġu miċħuda.
Dan l-aħħar żvilupp seħħ wara li l-Qorti Kostituzzjonali kienet diġà ċaħdet it-talba tal-istess aħwa biex il-ġuri tagħhom jiġi pospost.
Fil-bidu tal-ġuri tagħhom fl-14 t’Ottubru tas-sena l-oħra huma l-ewwel kienu wieġbu li mhumiex ħatja, iżda waranofsinhar stess biddlu l-pożizzjoni tagħhom.
Il-Qorti kienet qabbdet espert mediku u psikjatra biex jeżaminaw lill-akkużati. Dan biex ikun aċċertat li jifhmu eżatt l-importanza tal-ammissjoni.
Wara li wieġbu ħatja, kien sar rikors konġunt bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża fuq il-patteġġjament tal-piena, waqt li l-Qorti reġgħet wissiethom dwar il-konsegwenzi. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, dakinhar kienu kkundannati wkoll iħallsu kważi €43,000 kull wieħed, bl-ispejjeż jitħallsu fi żmien tliet snin.
Issa wieħed mill-aggravji, li ressqu l-aħwa quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali, kien jisħaq li Alfred Degiorgio ma kienx fi stat ta’ saħħa tajjeb biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-ammissjoni.
Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rribatta billi qal li l-appellant Alfred Degiorgio abbanduna x-xeneġġjata tiegħu ta’ xi raġel dgħajjef, magħdur u bla saħħa ta’ xejn, meta qam minn fuq is-siġġu tar-roti li kien fuqu mingħajr tbatija ta’ xejn, meta indirizza lil għadd ta’ persuni u ġurnalisti li kien hemm fl-awla kriminali u stedinhom biex imorru jżuruh fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ħalli, fi kliemu, jirrakkontalhom l-istorja kollha wara l-omiċidju ta’ Caruana Galizia.