Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ erba’ snin ħabs għal raġel ta’ tletin sena li kien akkużat bi vjolenza fuq bintu meta kienet għadha tarbija, u s-sieħba tiegħu.
Il-każ seħħ f’Ġunju tal-elfejn u sbatax, meta l-Qorti kienet sabet lir-raġel ħati li weġġa’ b’mod gravi lil bintu – li dak iż-żmien kellha seba’ xhur, li ħebb għas-sieħba tiegħu u li żammha kontra l-volontà tagħha.
Huwa kien appella biex titnaqqaslu s-sentenza, imma llum, il-Qorti ċaħdet dan l-appell u qieset li s-sentenza oriġinali kienet waħda ġusta.
It-tobba li ċċertifikaw il-feriti fuq it-tarbija kienu qalu li minbarra li kellha sieq miksura, it-tifla kellha diversi tbenġil u grif f’partijiet differenti ta’ wiċċha u għonqha.
L-akkużat ċaħad li kien sawwat lil bintu u qal li kienet waqgħet minn fuq is-sodda meta laqtuha hu u s-sieħba waqt li kienu qed jargumentaw.
Il-Qorti ddeskriviet l-abbuż bħala wieħed “barbaru u tat-tkexkix”, u qalet li anki jekk għamel dan f’mument ta’ rabja, l-aggressività kontinwa tiegħu ma kinitx waħda involontarja.
Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel kien iżomm lis-sieħba msakkra f’kamra fejn saħansitra kien jgħatti t-twieqi b’liżar biex ħadd ma jarah isawwatha.
Meta kienet ċemplet għall-għajnuna, il-mara qalet li beda jsabbat lil binthom fuq is-sodda u beda jtiha bis-saħħa ġo rasha, fuq wiċċha u f’saqajha.
Meta kkonfermat is-sentenza, il-Qorti tal-Appell qieset mhux biss ir-reati ta’ vjolenza domestika, imma l-fatt li ma wera ebda xewqa li ried jibdel ħajtu.