Fl-aħħar sigħat, feġġew disa’ każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 1,071 test li saru.
Biex hekk it-total ta’ każijiet mis-7 ta’ Marzu, dakinhar li feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna issa huwa ta’ 477.
13-il persuna oħra fiequ minn dan il-virus, u l-età taħghom tvarja bejn l-20 u s-60 sena.
B’hekk it-total ta’ persuni mfejqa jlaħħaq it-392, u wara l-aħħar każijiet mfejqa jifdal 81 każ attiv f’pajjiżna.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li l-każijiet l-ġodda jinvolvu diversi persuni li ma kellhomx sintomi iżda nqbadu grazzi għal testjar iżjed qawwi fil-komunità.
Dawn huma tliet irġiel Maltin ta’ 22, 23 u 30 sena rispettivament u mara Spanjola ta’ 21 sena li lkoll ma wrewx sintomi.
Każijiet oħra jinvolvu Maltija ta’ 19-il sena u raġel ta’ 39 sena li nstabu pożittivi f’test li sarilhom qabel operazzjoni skedata.
L-aħħar żewġ każijiet fl-aħħar sigħat jinvolvu raġel Malti ta’ 18-il sena u mara Maltija ta’ 35 sena.
Il-Professur Gauci wissiet li l-virus għadu preżenti u din hija evidenti fin-numru ta’ każijiet ta’ persuni li ma wrewx sintomi qabel ma nqabdu minn testijiet rigorużi fil-komunità.
Hija spjegat: “Mill-evidenza turi li jekk persuna ma jkollux sintomi xorta jista’ jferrixha lil ħaddieħor. U allura l-enhanced testing u dan huma l-miżuri li dejjem ninkoraġixxu ta’ social distancing għax ma tafx ma min tista’ tiltaqa’.”
Il-Professur Gauci qalet ukoll li 14-il persuna qegħdin jieħdu l-kura fl-isptarijiet, bil-kumplament qegħdin jirkupraw id-dar bl-għajnuna tad-dipartiment tal-kura primarja.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Bħalissa biddilna l-mistoqsijiet li nsaqsu fuq il-111 biex aħna nkunu nistgħu nevalwaw kemm nies daħlu fis-sypmtom checker imma kemm nies għaliex kellhom bżonn ġew jagħmlu t-test.”