Il-Qorti kkonfermat ordni ta’ detenzjoni għal mara li nstabet taħdem illegalment f’ħanut u t-tkeċċija tagħha mill-pajjiż.
L-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, l-Ispettur Karl Roberts, spjega kif il-każ imur lura għat-28 ta’ Frar li għadda meta l-Pulizija tal-Immigrazzjoni u uffiċjali ta’ JobsPlus kienu qegħdin jagħmlu spezzjoni għall-għarrieda u sabu lil din il-mara taħdem fuq id-dwiefer ta’ klijenta f’ħanut tas-sbuħija fl-Imsida fejn hemmhekk ġiet arrestata minnufih.
Mill-investigazzjonijiet intensivi, li saru, irriżulta li l-istess mara qatt m’applikat ma’ Jobsplus biex taħdem f’pajjiżna u lanqas kellha applikazzjoni pendenti mal-aġenzija Identità f’dan ir-rigward.
L-avukata tal-mara spjegat, li din kienet fil-ħanut għal intervista u, peress li kienet għadha fil-perjodu ta’ disgħin jum li setgħet tgħix fil-pajjiż, ma kellhiex bżonn viża.
L-Ispettur Roberts, iżda, tenna li l-Pulizija ħarġet ukoll akkużi fil-konfront ta’ sid l-istess ħanut minħabba impjieg illegali.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża u kkonfermat l-ordni ta’ tkeċċija u d-detenzjoni maħruġa mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.