Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li fiha erba’ persuni ma nstabux ħatja ta’ inċident fatali waqt tiġrija tal-ponijiet.
L-Appell sar mill-Avukat Ġenerali b’rabta mal-inċident li sar fl-2013 hekk kif ġie sostnut li l-Qorti ma fehmitx sew il-fatti tal-każ.
L-inċident seħħ fit-tlieta ta’ Mejju tal-2013 fit-trakka tal-kwart ta’ mil ta’ Ħal Far waqt avveniment tat-tlielaq tal-ponijiet.
Irriżulta li waqt tiġrija minnhom, pony li kien qed jinstaq minn Sandro Cutajar bidel id-direzzjoni u ħabat ġo barrikati tal-plastik u wara tajjar lil Michael Zammit ta’ 50 sena u lil bintu ta’ 11-il-sena.
Filwaqt li t-tifla rkuprat mill-ġrieħi li sofriet wara li ġiet rikoverata l-isptar, missierha tilef ħajtu kawża ta’ ksur f’rasu.
Il-kuċċier tal-pony flimkien ma’ tliet persuni oħra kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan l-inċident madankollu ma nstabux ħatja b’negliġenza.
Fl-istadju tal-appell dan ġie mill-ġdid ikkonfermat mill-Imħallef Neville Camilleri. Fost oħrajn l-Imħallef innota li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-erba’ persuni mressqa l-Qorti wrew traskuraġni b’rabta ma’ sigurtà filwaqt li Zammit u bintu kienu f’post perikoluż fit-trakka fil-ħin tal-inċident.