Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ tmien snin ħabs għal raġel li ġiegħel lil ibnu ta’ seba’ snin jgħix ħajja ta’ sess, swat, pornografija, prostituzzjoni u droga.
Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li r-raġel ta’ ħamsa u sittin sena kien fetaħ appell meta nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li ġiegħel lill-minuri jagħmel is-sess mal-prostituti, fost l-oħrajn.
Il-każ ġie għall-attenzjoni tal-Appoġġ fl-elfejn u sittax minn żewġ prostituti, li waħda minnhom kienet iddikjarat li ma tiflaħx tara lit-tifel ikun imġiegħel jgħix din il-ħajja.
It-tifel kien qal li missieru heddu li jsakkru f’gaġġa jekk jiftaħ ħalqu.
Wara li reġgħet assessjat id-“dettalji allarmanti” tal-każ, il-Maġistrat qalet li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-ħniena, għaliex flok imħabba u kuntentizza, il-missier espona lil ibnu għal ħajja ta’ sess, swat u pornografija.
It-tifel sofra minn abbuż psikoloġiku u fiżiku kbir.
Meta kkunsidrat kollox, il-Qorti kkonkludiet li l-ġudizzju li ngħata mill-ewwel Qorti kien ġust u kkonfermat is-sentenza ta’ tmien snin ħabs u tliet snin protezzjoni favur il-vittma.
Ir-raġel ġie mċaħħad minn kull awtorità ta’ ġenitur jew drittijiet tal-minuri.
Il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-minuri, l-akkużat u x-xhieda fil-każ biex tkun protetta l-identità tal-vittma.