Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ tliet snin ħabs effettivi lil Anthony Taliana ta’ 32 sena.
Dan wara li Taliana appella mis-sentenza li ngħatat lilu fuq każ li jmur lura lejn l-2009 meta kkaġuna l-mewt ta’ ċiklist, James Clifford Micallef, f’Tul il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Fis-16 ta’ April għall-ħabta tal-5:15 ta’ filgħodu, Taliana tajjar lil Micallef u baqa’ sejjer. Fuq il-post kien instab il-bumper tal-vettura flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni kif ukoll il-katavru ta’ Micallef.
Taliana kien tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna l-mewt ta’ Micallef, li saq bi traskuraġni, li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol jew drogi, li baqa’ sejjer wara li tajjar lil Micallef filwaqt li kien riċediv.
Wara li qieset il-gravità tal-każ flimkien mal-akkużi mressqa kontra Taliana, l-Imħallef Edwina Grima kkonfermat is-sentenza fejn sostniet kif ma sabet ebda raġuni għalfejn għandha tibdel il-piena.