Il-Qorti tal-appell ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ikkonfermat sentenza ta’ għaxar xhur ħabs efettivi għal Ronald Mallia ta’ 30 sena, dwar telefonata ta’ theddida ta’ bomba li hu kien għamel fuq vapur tal-Gozo Channel lura f’Mejju li għadda.
Fil-Qorti kien intqal kif hu kien ġie mqabbad jagħmel din it-telefonata minn Joelle Galea ta’ 34 sena wara li din kienet Għawdex u ma riedetx tinżel Malta biex tidher fil-Qorti dwar każ li kienet qed tiġi akkużata bih.
Mallia kien apella mis-sentenza ta’ għaxar xhur ħabs li ngħatatlu, dan wara li kien tressaq il-Qorti f’Mejju u wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Is-sentenza kienet ingħatatlu ftit tal-ġimgħat wara minħabba li kellhu jsir rapport mill-psikjatra fuq il-kundizzjoni tiegħu.Fil-Qorti kien intqal li din it-telefonata kienet qajmet kjass sħiħ dan hekk kif kien hemm turisti li tilfu t-titjiriet tagħhom, ikkawża inkonvenjent qawwi kemm lill-passiġġieri li riedu jaqsmu bejn Malta u Għawdex għal raġunijiet ta’ saħħa kif ukoll affetwa ħażin lill-ekonomija Għawdxija minħabba li konsegwenza tal-azzjoni tal-imputat twaqqfu ħesrem il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’dan il-każ tmexxew mill-Iskwadra ta’ kontra t-terroriżmu fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.