Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs li ngħatat lil John Zammit f’Awwissu li għadda, wara li dan instab ħati li abbuża sesswalment lil żewġ subien. Jidher li l-abbuż sar biex l-anzjan, li għandu 70 sena, jagħti x’jieklu lit-tfal jew jagħtihom xi flus f’numru ta’ okkażżjonijiet. Dawn seħħew qabel Frar li għadda.
Il-Belti appella mis-sentenza li tatu l-ewwel Qorti, u talab biex jingħata piena aktar ġusta li ma tinkludix il-ħabs minħabba l-età tiegħu. Iżda l-Avukat Ġenerali rribatta lid-difiża, u qal li l-vittmi ta’ Zammit se jibqgħu jbatu din it-trawma tul ħajjithom kollha. Żied jgħid li huwa tal-fehma li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati m’għandhiex tinbidel.
Il-Qorti tal-Appell innutat li l-akkużat ma wera sinjal ta’ riforma fl-ebda ħin, u għalhekk, huwa ta’ theddida għas-soċjetà għaliex jista’ jkun li jirrepeti r-reati.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera żiedet tgħid li Zammit ħa vantaġġ minn persuni vulnerabbli, għaliex flok talab l-għajnuna li dawn kellhom bżonn, użahom biex jissodisfa lilu nnifsu.
Il-Qorti tal-Appell, għalhekk, ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs li Zammit ingħata lura f’Awwissu. Dan filwaqt li kien ordnat li ismu jitniżżel fuq ir-Reġistru tal-Pedofeli.