Ġiet ikkonfermata s-sentenza ta’ 18-il sena ħabs u multa ta’ €38,000 għal Davide Bonanno, fil-Qorti tal-Appell, ippreseduta minn tliet Imħallfin. Dan wara li nstab ħati ta’ pussess aggravat ta’ droga u assoċjazzjoni ma’ terzi.
Aktar kmieni din is-sena, Bonanno nstab ħati għal dawn l-akkużi, f’ġuri, iżda ma kienx instab ħati li fl-2018, importa f’Malta 25 kilo kannabis, li kellha valur ta’ €700,000 fis-suq.
L-Avukat Kevin Valletta, mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, appella sabiex is-sentenza tkun ta’ minimu ta’ 20 sena.
Id-difiża, elenkat li l-Isqalli ma nstabx ħati għall-akkuża ta’ importazzjoni u appella għall-anqas sentenza possibli, anke għax il-verdett tal-ġurati ma kienx unanimu.
Fl-appell Bonanno, talab lill-Qorti sabiex tbiddel u tħassar is-sentenza, hekk kif skontu ma kienx hemm provi li huwa kien assoċjat ma’ xi grupp kriminali jew li l-ordni saret minnu.
Żied jgħid li meta waslet il-Merkanzija, minkejja li ffirma għall-konsenja huwa rrifjuta li jħallas għaliha.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, innota li l-appellant ma kkontestax il-fatt li rċieva l-merkanzija, ħattha minn fuq il-vann u daħħalha fil-garaxx.
Il-Qorti tal-Appell, qalet li kien hemm biżżejjed provi sabiex il-ġurati jikkonkludu li kien hemm ftehim minn qabel bejnu u oħrajn biex din id-droga tasal fid-destinazzjoni finali.
Għaldaqstant ġiet miċħuda t-talba ta’ Bonanno u kkonfermata l-ewwel sentenza.