It-tycoon tal-propjetà Vjetnamiża Truong My Lan tilfet l-appell tagħha kontra s-sentenza tal-mewt li kienet ingħatat lilha wara li nstabet ħatja li kienet il-moħħ wara l-akbar frodi bankarja fid-dinja.
Bħalissa, l-anzjana ta’ 68 sena tinsab f’ġirja mal-ħin sabiex tipprova tneħħi din is-sentenza minn fuqha hekk kif il-liġi fil-Vjetnam tistipula li jekk jirnexxielha tħallas lura 75% minn dak li serqet is-sentenza tal-mewt tinbidel f’waħda ta’ għomor il-ħabs.
F’April li għadda, ġuri fil-qorti sab li Truong My Lan kienet bil-moħbi tikkontrolla lis-Saigon Commercial Bank, li huwa l-ħames l-akbar bank ta’ self fil-Vjetnam, u f’perjodu ta’ aktar minn għaxar snin approvat self u flus kontanti lil sensiela ta’ kumpaniji fittizji li kien jammonta għas-somma ta’ 44 biljun dollaru.
Il-prosekuturi kienu qalu li minn dawn $27 biljun ġew misapproprjati u $12-il biljun kienu misruqa, l-aktar reat finanzjarju serju u li għalih kienet ingħatat il-piena tal-mewt. Dan kien verdett rari u xokkanti għaliex huma ftit ħafna n-nisa fil-Vjetnam li kienu kkundannati għal mewt fuq att kriminali ta’ din ix-xorta.
Waqt l-appell ilbieraħ, il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex din is-sentenza għandha tinbidel, iżda għad għandha ċ-ċans tiskappa l-eżekuzzjoni jekk tirritorna $9 biljun li jammontaw għal tliet kwarti tas-somma li serqet. Dan però ma kienx l-aħħar appell tagħha u għad għandha ċ-ċans titlob lill-President għal amnestija.
Truong My Lan kienet bdiet il-karriera tagħha tbiegħ il-kosmetiċi flimkien ma’ ommha fis-suq. Hija bdiet tixtri l-artijiet u propjetà wara li l-Partit Komunista kien introduċa r-riforma ekonomika fl-1986 u sad-disgħinijiet kienet propjetarja ta’ għadd ta’ lukandi u ristoranti.
Meta kienet ikkundannata f’April, hija kienet iċ-Chairperson ta’ kumpanija prominenti tal-propjetà Van Thinh Phat Group.
Il-ġuri kien mument drammatiku fil-kampanja ta’ kontra l-korruzzjoni mmexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista ta’ dak iż-żmien Nguyen Phu Trong. Il-85 imputat imressqa nstabu kollha ħatja, b’erbgħa minnhom jingħataw sentenza ta’ għomorhom il-ħabs filwaqt li l-oħrajn kellhom sentenzi ta’ ħabs li varjaw minn 20 sena sa 3 snin sentenza sospiża. Ir-raġel ta’ Truong My Lan u n-neputija weħlu 9 u 17-il sena ħabs rispettivament.
L-avukati ta’ Truong My Lan qalu li qed jaħdmu kemm jista jkun malajr sabiex jiġu misjuba d-disa’ biljun dollaru li għandha bżonn għalkemm mhux qed isibuha faċli li jiġu llikwidati l-assi tagħha.
Filwaqt li dawk l-assi li kienu identifikati bħala riżultat tal-frodi ġew iffriżati mill-awtoritajiet, xorta għad għandha numru ta’ propjetajiet lussużi fil-belt kapitali Vjetnamiża li fit-teorija jistgħu jinbiegħu malajr apparti sehmijiet f’negozji u proġetti kapitali.