Waqt li dalgħodu kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna permezz ta’ karozza bomba fil-Fgura li ma ħaditx kompletament nhar l-4 ta’ Jannar, xehed l-espert forensiku John Mallia. Huwa kkonferma marka ta’ subgħajn wieħed mill-akkużati Lorenzo Callus, magħruf bħala l-Ħeswes, fuq ġewwa tal-bomba b’mod partikolari mas-silicone li ntuża.
Dan wara li fl-aħħar seduta, s-Surġent Jeffrey Hughes mit-Taqsima Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, kien xehed kif fil-bomba nnifisa nstabet marka ta’ subgħajn min possibilment ħadem il-bomba.
Intant, b’rabta ma’ din il-karozza bomba, qed jiġu akkużati tliet irġiel fil-qorti: Lorenzo Callus, Pawlu Farrugia, u Jonathan Farrugia, li ġew arrestati nhar il-15 ta’ Marzu li għadda f’operazzjoni mill-Forzi tal-Ordni.
Il-Kumpilazzjoni tax-xhieda qed tinġabar quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest b’mod proviżorju nhar id-9 ta’ Awwissu mill-Imħallef Antonio Mizzi.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud, madankollu fis-seduta ta’ dalgħodu il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra. F’din is-seduta xehdu għadd ta’ esperti forensiċi oħra, u uffiċjali tal-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li kienu nvoluti waqt l-arrest tal-akkużati.