Il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali dalgħodu kkonfermat il-verdett ta’ ħtija u s-sentenza ta’ għomor priġunerija fil-konfront ta’ Nizar Mustafa’ Al Gadi li f’Ottubru 2015 kien għadda ġuri u nstab ħati li qatel lill-eks mara tiegħu l-Avukat Margaret Mifsud. Mifsud kienet instabet bla ħajja fil-karozza tagħha ħdejn it-Torri ta’ l-Għallis, fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fid-19 ta’ April 2012. Waqt il-ġuri kien ħareġ kif Al Gadi qatel lil Mifsud billi applikalha pressjoni kbira fuq sidirha biex hi ma tkunx tista’ tieħu nifs. Il-prosekutur kien iddeskriva dan id-delitt bħala wieħed ta’ kefrija kbira fejn is-Sur Al Gadi seta’ jħares direttament f’għajnejn martu hu u jifgaha sal-mewt.
Al Gadi appella mill-verdett u s-sentenza fejn allega li kien hemm irregolaritijiet matul il-ġuri u li huwa qatt ma seta’ jinstab ħati ta’ dan l-omiċidju. Skond hu, dan kien frame-up fil-konfront tiegħu. Madanakollu l-Qorti ta’ l-Appell Kriminali, presjeduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Edwina Grima, wara li analizzat dak kollu li sar waqt il-ġuri u għarblet il-provi kollha, kkonkludiet li ma seħħet ebda irregolarita’ kif ukoll li ma kellha ebda dubju dwar il-ħtija tas-Sur Al Gadi. Il-Qorti rrimarkat li minkejja li dan il-każ kien imsejjes kważi kollu fuq provi indizzjarji u mhux diretti, il-prosekuzzjoni rnexxielha tgħaqqad il-holoq tal-katina ta’ l-evidenza b’mod b’saħħtu tant li hija “ma tistax ħlief tasal għall-istess konklużjoni ta’ ħtija li waslu għaliha l-ġurati”. Dwar il-piena l-Qorti qieset li s-Sur Al Gadi huwa reċidiv, li dan kien “każ klassiku ta’ vjolenza domestika li sfortunatament spiċċa bil-mewt tal-mara, li kienet vittma ta’ abbużi u manipulazzjoni minn naħa tar-raġel”, kif ukoll il-mod makabru kif ġie kommess id-delitt. Minbarra dan il-Qorti qieset ukoll li l-verdett tal-ġurati kien kważi unanimu. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ għomor priġunerija flimkien ma’ ħames perjodi ta’ reklużjoni fil-konfront ta’ Nizar Al Gadi, kif ukoll ordnatlu jħallas l-ammont ta’ sbatax-il elf sitt mija u sittin Ewro u erbgħa u erbgħin Ċenteżmu (€17, 660.44) bħala spejjeż. B’dana illi wara tletin (30) sena mill-lum is-Sur Al Gadi jkun eliġibbli biex jitlob reviżjoni fil-piena kemm-il darba jirriżultaw iċ-ċirkostanzi xierqa biex dan isir.
Dan il-każ kien investigat mill-Ispettur Keith Arnaud, u l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Għal Nizar Al Gadi deher l-Avukat Martin Testaferrata Moroni Viani.