Il-Qorti ma laqgħetx rikors ta’ tliet immigranti irregolari mill-Etjopja, li fl-aħħar xhur kienu ngħataw ordni li jitkeċċew minn pajjiżna. Għalhekk reġgħet ġiet ikkonfermata l-ordni mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni aktar kmieni din is-sena wara li l-applikazzjoni tal-ażil tagħhom qatt ma ġiet milqugħa u b’hekk iridu jiġu rritornati lejn pajjiżhom.
Oriġinarjament dan il-każ kien ikopri ħamest irġiel, madankollu tnejn laħqu ntbagħtu lura l-Etjopja b’mod volontarju fil-jiem li għaddew.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li, sa minn meta daħlu fil-pajjiż, l-awtoritajiet m’emmnux ir-raġunijiet li taw l-Etjopjani fl-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, anke minħabba diversi inkonsistenzi fl-intervisti li kienu sarulhom.
Il-Qorti spjegat li dawn il-ħames immigranti m’għandhomx dritt li jibqgħu Malta peress li daħlu fil-pajjiż illegalment u minħabba li t-talbiet tagħhom għall-ażil ġew irrifjutati.
Ġie nnotat ukoll li huma kienu dejjem jafu li l-preżenza tagħhom fil-pajjiż ma kinitx waħda legali, iżda kienet sempliċiment imsejsa fuq awtorizzazzjoni temporanja sakemm ikun jista’ jitwettaq ir-ritorn tagħhom.
Dan fl-istess ħin li huma m’għandhom l-ebda membri tal-familji tagħhom hawn, jiġifieri lanqas jista’ jingħad li l-Gvern Malti qed jonqos jew hemm xi indikazzjonijiet li jostakolaw milli jagħmluhielhom impossibbli li jerġgħu jistabbilixxu rwieħhom f’pajjiżhom.
Għat-tliet Etjopjani deher l-avukat Gianluca Cappitta filwaqt li għall-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni deher l-Avukat tal-Istat.