Komunikat mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan il-Ħamis filgħaxija kkonferma li l-qagħda klinika tal-Papa Franġisku baqgħet turi sinjali ta’ titjib, iżda għad hemm bżonn ftit tal-ġranet oħra biex wieħed ikun jista’ jevalwa aħjar tali progress lejn irkupru sħiħ.
Matul il-jum il-Kap tal-Knisja Kattolika kompla bit-terapija respiratorja u ll-mistrieħ. Waranofsinhar ukoll qatta’ ftit ħin jitlob fil-kappella li tinsab fl-appartament privat tiegħu fl-għaxar sular tal-Isptar Gemelli f’Ruma.
Il-Papa kien iddaħħal l-isptar biex jiġi ttrattat għall-pnewmonja doppja fl-14 ta’ Frar li għadda wara attakk tal-bronkite.
Skont ir-rapporti, jidher li issa kważi għaddiet il-fażi kritika, iżda l-kundizzjoni tiegħu tibqa’ waħda kumplessa u, għalhekk, it-tobba qed ikunu kawti ħafna dwar il-qagħda tiegħu.
Sadanittat, il-Vatikan ħabbar li l-udjenza tal-ġublew, li kellha ssir għada s-Sibt, tħassret ukoll.